Dwar ASN
Abortion Support Network (ASN) hija organizzazzjoni li tipprovdi informazzjoni, assistenza finanzjarja, u appoġġ prattiku ieħor lil kull min jeħtieġ li jivjaġġa għall-abort.
ASN ġiet imwaqqfa abbażi tal-fatt li leġiżlazzjoni li tikkundanna l-abort ma twaqqafx l-abort, iżda toħloq ostaklu għal abort sigur. Aħna nemmnu wkoll li nuqqas ta’ finanzi qatt m’għandha tkun l-uniku raġuni li xi ħadd ikun sfurzat li jġorr tqala.
ASN ma tikkampanjax għal bidla tant bżonjuża fil-liġi, bħal ma jagħmlu organizzazzjonijiet oħra dedikati għal dan l-għan importanti. Il-voluntiera tagħna jaħdmu biex jipprovdu sapport prattiku u immedjat lil dawk li ma jistgħux jaċċessaw abort sigur u legali f’pajjiżhom stess. Aħna nemmnu li l-liġijiet f’dawn il-pajjiżi għandhom jinbidlu ħalli sa fl-aħħar ma jibqax bżonn ix-xogħol li tagħmel ASN. Sadanittant, aħna bi ħsiebna nagħmlu l-almu tagħna biex ngħinu kemm nistgħu nies.
Aħna ftaħna s-servizz tagħna għall-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq, u Isle of Man fl-2009. Filwaqt li l-bżonn tas-servizzi tagħna f’dawn il-postijiet naqas minħabba riformi fil-liġi, aħna xorta għadna nisimgħu mingħand nies f’dawn il-pajjiżi li ma rnexxilhomx jaċċessaw l-abort f’pajjiżhom minħabba limitazzjonijiet tal-liġi. Fil-bidu tal-2019, aħna bdejna noffru s-servizz tagħna lil dawk residenti f’Malta u l-Ġibiltà. F’Diċembru tal-2019 aħna ftaħna s-servizz għal nies residenti fil-Polonja grazzi għall-inizjattiva Abortion Without Borders. Fl-2022 aħna bdejna nfittxu nies ġewwa ġurisdizzjonijiet oħrajn li għandhom bżonn l-għajnuna biex jaċċessaw l-abort fit-tieni trimestru. Fil-bidu ffukajna fuq ir-Rumanija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, Franza u Spanja, però bl-idea li ngħinu lin-nies irrispettivament fejn qegħdin fl-Ewropa, b’kull każ evalwat individwalment. Apparti minn hekk, meta jkun possibli, aħna nipprovdu informazzjoni wkoll lil nies li jikkuntattjawna minn madwar partijiet oħra tad-dinja.
L-għajnuna li noffru
Aqra l-paġna tagħna Għajnuna għal iktar informazzjoni dwar l-għajnuna li noffru lill-klijenti tagħna.
Il-missjoni, il-viżjoni, u l-valuri tagħna
Viżjoni
- Dinja fejn kulħadd għandu l-informazzjoni u l-mezzi biex jaċċessa abort sigur, legali, u lokali.
Missjoni
- Li nipprovdu informazzjoni, assistenza finanzjarja, u akkomodazzjoni lil dawk li għandhom bżonn isiefru biex ikunu jistgħu jaċċessaw abort sigur u legali, u
- Li naqsmu dak kollu li tgħallimna matul is-snin sabiex nissapportjaw l-iżvilupp u t-tkabbir tal-ġbir ta’ fondi għall-abort
Valuri
- Aħna nemmnu li kulħadd għandu dritt għal abort sigur u legali
- Aħna nemmnu f’li nipprovdu sapport prattiku li jippermetti lin-nies jeżerċitaw dan id-dritt
- Aħna nuru kompassjoni lil kull min ifittex abort u nirrispettaw id-deċiżjonijiet tagħhom
- Aħna nemmnu f’li naqsmu l-informazzjoni u l-esperjenza tagħna ma’ oħrajn sabiex inkabbru l-moviment ta’ ġbir ta’ fondi għall-abort u nżidu l-aċċess għal abort sigur
Dikjarazzjoni dwar l-inklussività
ASN hija organizzazzjoni inklużiva. Aħna qegħdin hawn biex ngħinu lil kull min għandu bżonn abort, irrispettivament mir-razza, l-etniċità, ir-reliġjon, il-ġeneru, is-sesswalità, id-diżabilità, l-istatus ta’ immigrazzjoni, il-lingwa, il-pajjiż tat-twelid, l-istat ċivili, jew it-twemmin politiku.
Aħna nafu li ħafna mill-klijenti tagħna esperjenzaw esklużjoni jew marġinalizzazzjoni. Għaldaqstant, meta naħdmu ma’ individwi biex ngħinuhom jaċċessaw abort sigur, aħna nikkunsidraw iċ-ċirkostanzi personali tagħhom. Aħna ma nistaqsux lill-klijenti tagħna dwar x’wassal għat-tqala jew għalfejn iridu abort. Aħna qegħdin hawn biss biex ngħinuk.