Għajnuna minn Malta
Abortion Support Network qegħda hawn biex tgħin nies li għandhom bżonn jaċċessaw l-abort barra minn Malta. Tgħin ukoll lil min qed ifittex pilloli tal-abort mingħand aġenziji reputabbli. Importanti tkun taf li filwaqt li dawn il-pilloli huma siguri, f’Malta huma kriminalizzati. Jekk qed tikkunsidra li tordna pilloli minn fuq l-internet, jekk jogħġbok l-ewwel aqra din l-informazzjoni.
Jekk għandek bżonn issiefer għall-abort, jekk jogħġbok tkellem magħna qabel ma tibbukja appuntament fil-klinika jew il-vjaġġ. ASN tista’ tgħinek tippjana l-vjaġġ u l-proċedura b’mod konvenjenti u bl-inqas spiża possibli. Dan huwa important mhux biss għalik, iżda wkoll sabiex ir-riżorsi tagħna nkunu nistgħu nużawhom bl-iżjed mod effiċjenti ħalli ngħinu kemm jista’ jkun nies.
Għajnuna li Abortion Support Network tista’ tipprovdi:
- Rakkomandazzjonijiet ta’ kliniċi tal-abort
- Informazzjoni dwar kif tippjana l-vjaġġ u l-proċedura bl-inqas spiża possibli
- Assistenza finanzjarja
- Għajnuna biex issib akkomodazzjoni
- Pariri bl-Ingliż, bil-Malti, jew lingwi oħra
Għal iktar informazzjoni jew biex tiddiskuti ċ-ċirkustanzi tiegħek, jekk jogħġbok ċemplilna jew ibgħatilna email. Il-voluntiera ta’ ASN iwieġbuk lura f’temp ta’ 48 siegħa.
Fuq din il-paġna:
- X’jiġri meta tikkuntattjana
- Pariri għal qabel ma ċċemplilna
- Dwar l-għajnuna li noffru
- Dwar kif iżżomm il-kuntatt magħna privat
X’jiġri meta tikkuntattja
- Wara li tikkuntattjana (b’telefonata jew email), waħda mill-voluntiera tagħna twieġbek lura. M’huwiex dejjem possibli li nirrisponduk x’ħin iċċemplilna. Jekk ma naqbdukx, jekk jogħġbok ħallina voicemail bin-numru tiegħek ħalli nkunu nistgħu inċemplulek lura.
- ASN tevalwa l-bżonn finanzjarju tiegħek u tipprovdi informazzjoni u pariri dwar metodi ta’ abort u vjaġġar bl-inqas spiża possibli, b’mod kunfidenzjali u mingħajr ġudizzju.
- Jekk ma titkellimx bl-Ingliż jekk jogħġbok avżana sabiex inkunu nistgħu nirranġaw għal servizz ta’ traduzzjoni għal meta nċemplulek.
Pariri għal qabel ma ċċemplilna
- Jekk mintix ċerta dwar x’tixtieq tagħmel u qed tfittex counselling jew xi tip ta’ sapport ieħor, jekk jogħġbok ikkuntattja lil FPAS Malta (www.fpas.mt, 27780037, 20341686).
- Jekk jogħġbok tkellem magħna qabel ma tibbukja l-vjaġġ tiegħek, speċjelment jekk għandek bżonn għajnuna finanzjarja.
- Il-voluntiera ta’ ASN mhux tobba, infermiera, jew professjonisti oħra tas-saħħa. Għaldaqstant ma nistgħux nagħtuk informazzjoni medika jew ngħinuk tagħmel id-deċiżjoni tiegħek. Madankollu, hawn organizzazzjonijiet reputabbli li joffru dawn is-servizzi. Tista’ ssib informazzjoni dwarhom hawnhekk.
- Aħna nistgħu nipprovdu informazzjoni dwar aġenziji reputabbli li jipprovdu pilloli tal-abort bil-posta. Jekk qed tikkunsidra li tordna pilloli minn fuq l-internet, jekk jogħġbok l-ewwel aqra din l-informazzjoni.
- ASN ma tistaqsiex lill-klijenti dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu għat-tqala jew għalfejn iridu abort. L-uniku kriterji għall-għajnuna finanzjarja huma l-bżonn tal-persuna u kemm ikun hemm fondi disponibbli min-naħa tagħna.
Dwar l-għajnuna li noffru
Għajnuna finanzjarja
L-għan ta’ ASN hu li tnaqqas l-ispejjeż għal min ikollu bżonn isiefer biex jaċċessa abort sigur. Kull każ jiġi evalwat individwalment, u għajnuna finanzjarja tingħata skond iċ-ċirkustanzi tiegħek u l-fondi disponibbli tagħna. Bħala organizzazzjoni aħna għandna fondi limitati, però nippruvaw ngħinu kemm nistgħu nies li huma fil-bżonn. Għaldaqstant aħna nistennew li, kemm jista’ jkun, il-klijenti jirranġaw il-proċedura tal-abort u l-ivjaġġar bl-inqas spiża possibli. Jekk nipprovdu għajnuna finanzjarja, ASN tħallas lill-klinika direttament, u b’hekk tnaqqas l-ammont li inti jkollok tħallas għall-proċedura. Ġeneralment, il-klijenti stess jirranġaw għall-appuntament fil-klinika, u ASN tgħin sabiex jinstab l-irħas metodu ta’ vjaġġar mingħajr inkonvenjenzi.
Minbarra għajnuna finanzjarja, aħna nistgħu nipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar kliniċi u sptarijiet, kif ukoll informazzjoni dwar dokumenti ta’ vjaġġar, regolamenti tal-Covid, eċċ.
Akkomodazzjoni
Jekk għandek bżonn issib akkomodazzjoni, ASN tista’ tgħinek tagħmel dan b’mod affordabbli u viċin tal-klinika jew sptar fejn għandek l-appuntament.
Dwar kif iżżomm il-kuntatt magħna privat
Internet
Jekk taħseb li xi ħadd qed jgħasses l-użu tiegħek fuq l-internet, prova aċċessa l-internet minn post newtrali bħal dar ta’ ħbieb, ix-xogħol, internet café, jew librerija lokali.
Jekk ma trid lil ħadd ikun jaf li żort din (jew kwalunkwe) sit elettroniku, tista’ tħassar il-‘browser history’. Inkella tista’ tuża ‘private browsing mode’, u b’hekk ma jkun hemm ebda informazzjoni dwar xi tkun fittixt fuq l-internet. Tista’ wkoll tħassar is-‘search history’ minn fuq Google, jew tuża DuckDuckGo, li hija ‘search engine’ mingħajr tracking.
Żomm f’moħħok illi s-sid jew l-amministratur tal-kompjuter xorta jista’ jkun jaf x’siti tkun żort fuq l-internet.
Jekk tixtieq tibgħatilna email mingħajr ma tħalli kopja fis-sent folder tiegħek, uża l-formola fuq il-paġna tagħna Ikkuntattjana. Kun ċerta li tinkludi l-email jew in-numru tat-telefon tiegħek.
Telefon
Fuq il-kont tat-telefon in-numru tagħna ser jidher, però mhux l-isem tal-organizzazzjoni tagħna. Jekk għandek bżonn taħbi l-fatt li ċempiltilna, nissuġġerulek tikkunsidra li tuża servizz internazzjonali tat-telefon jew calling card.